Description
F’kull pajjiż, Malta magħduda, it-tfal għandom il-logħob u l-għana tagħom. Uħud minn dawn jafu l-bidu tagħhom lit-twemmin reliġjuż u oħrajn, bħat-tħannin tan-nieqa u l-logħob tat-tfulija, lid-drawwiet u l-ambjent partikolari tal-belt jew raħal fejn nibtu.
Bosta drabi dan il-logħob u l-għana, li jista’ jkun qadim ħafna, ikun għadda bil-fomm minn ġenerazzjoni għal oħra. Għaldaqstant jista’ jagħti l-każ li maż-żmien tkun nibtet aktar minn verżjoni waħda. Bosta minnhom smajtom mingħand qrabati u mingħand ġirien tagħna fis-snin tal-gwerra fil-pjazza tal-Ħamrun. Oħrajn wasluli mill-kitba ta’ Ìużé ċassar Pulliċino, bniedem umli u studjuż kbir tal-folklor Malti, li lilu wkoll hi ddedikata din il-ġabra, b’ħajr.
L-ewwel parti ta’ dan il-ktejjeb kienet dehret fil-1982 (u ristampata fl-1989). Din hi edizjoni ġdida b’żieda ta’ aktar logħob u taqbiliet. Qed tinkludi wkoll tliet biċċiet ‘logħob bl-ilsien’u xi kanzunetti ta’ żmien il-gwerra li fl-umoriżmu tagħhom kienu għenu biex itaffu xi ftit mit-tbatija tal-poplu tagħna.
Dan il-ktejjeb hu mżewwaq bi tpinġijiet mill-isbaħ li jinterpretaw żminijiet imgħodijja. Tfassal bil-għan li t-tfal ta’ llum isiru jafu xi ftit minn dan il-logħob u l-għana ta’ l-antik u, bħal qrabathom qabilhom, isibu l-hena fit-taqbil, fil-logħob, u fl-għana ħelu tat-tfulija.
Għazla u disinn tal ktieb Victor Fenech
Tpinġijiet minn Joe Mallia